Laqgħat għall-istudenti tal-ħdax-il sena

Home / Past Events / Laqgħat għall-istudenti tal-ħdax-il sena
Laqgħat għall-istudenti tal-ħdax-il sena

Laqgħat għall-istudenti tal-ħdax-il sena

Matul din il-ġimgħa d-Dipartiment tal-Guidance fi ħdan l-iskola tagħna, ħejja diversi laqgħat għall-istudenti tal-ħdax-il sena. L-istudenti tagħna jinsabu għatba ’l bogħod minn bidu ta’ vjaġġ ġdid, dak tal-livell Post Sekondarju. Il-bidla tnissel fl-istudenti sens ta’ inċertezza u biża’ minn dak li mhux magħruf, għaldaqstant f’moħħ l-istudenti jibdew jitnisslu xita ta’ mistoqsijiet dwar il-futur tagħhom. Naturalment, l-irwol tagħna bħala edukaturi kien li nibdew inwittu t-triq permezz tal-għarfien dwar din il-mixja ġdida biex dan il-vjaġġ jibda jitterraq b’mod pożittiv. L-istudenti kellhom iċ-ċans li jisimgħu taħditiet minn diversi istituzzjonijiet Post Sekondarji kemm fi ħdan il-knisja kif ukoll minn istituzzjonijiet tal-Gvern.

L-istudenti ma kellhomx biss dawn il-laqgħat bħala formazzjoni formattiva imma wkoll sezzjonijiet fil-lezzjonijiet tal-PSCD, fejn fihom ġew spjegati diversi kunċetti fosthom kif għandhom jaċċessaw ċertu siti, fuq liema kriterji għandhom jagħżlu s-suġġetti li se jistudjaw fil-livell Avvanzat u Intermedju u kif għandhom japplikaw ġaladarba l-applikazzjonijiet jiġu mnedija. Punt li ġie misħuq mill-kelliema u l-edukaturi tal-PSCD kien li l-għażla trid tkun imsejsa fuq dak li jħobbu jistudjaw l-aktar u fejn tħabbat qalbhom. Dan jimmotivahom biex l-istudju jsir esperjenza pjaċevoli u b’hekk il-fus tal-karriera magħżula, jkun mibni fuq valuri li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom.

Inħeġġu lil dawk l-istudenti li jridu aktar għarfien biex jikkuntattjawna, u f’appuntament individwali nwieġbu l-mistoqsijiet tagħhom. Awguri mill-qalb u ftakru li bħala skola aħna nemmnu fil-motto tagħna stess li hu Emmen u Tirnexxi. Aħna nawguraw lill-istudenti kollha kull suċċess fil-kisba tal-eżamijiet tagħhom u suċċess fl-akbar eżami, dak tal-ħajja. Ninsabu fiduċjużi li dal-kapitlu ġdid se jkun sfida interessanti li se jwassalhom biex xi darba jiksbu miljiethom.

 

Sa Nathalie Camilleri u Sa Sarah Grech